L-Istorja tal-Istamperija

L-Istamperija tal-Gvern – Noti Storiċi
L-arti tal-istampar oriġinat minn Johan Gutenberg (c1400 – 1468) f’Mainz il-Ġermanja, fejn kienet stampata l-Bibbja Mqaddsa għall-ewwel darba. Din l-arti malajr infirxet madwar l-Ewropa.
Introduzzjoni tal-Istampar

Fil-każ ta’ Malta, kellhom jgħaddu għadd kbir ta’ snin meta fl-1642, Pompeo de Fiore, li x’aktarx huwa minn Sqallija, introduċa l-arti tal-istampar fil-Gżejjer Maltin. Huwa talab lill-Gran Mastru Jean Paul de Lascaris Castellar (1636 – 1657) għal permess biex jibda jopera l-istamperija flimkien ma’ xi eżenzjonijiet mill-ħlas tad-dazju b’rikonoxximent tal-fatt li bl-isforzi tiegħu, huwa introduċa l-arti tal-istampar f’Malta. B’digriet tas-17 ta’ Ġunju 1642, huwa ngħata permess, bil-kundizzjoni li qabel ma tmur l-istamperija, kull biċċa xogħol kellha tiġi eżaminata u ċċensurata mill-Inkwiżitur. Għalhekk, l-ewwel stamperija f’Malta twaqqfet permezz ta’ inizjattiva privata. Madankollu, ta’ min isemmi li xi snin qabel, il-Gran Mastru Lascaris kien diġà pprova jwaqqaf stamperija – tentattiv li madankollu ma rnexxiex.


De Fiore kien id-direttur tal-fran tal-Ordni, aktar milli stampatur. Dan il-fatt jista’ jkun li jispjega għaliex l-istamperija ta’ de Fiore kienet tinsab fl-istess bini tal-fran. Fatt interessanti huwa li l-ebda xogħol stampat b’isem dan l-istampatur għadu ma nstab. Huwa probabbli ħafna li l-istamperija ta’ de Fiore kienet negozju żgħir adattat biss għall-istampar ta’ posters u kotba żgħar tat-talb.


Sadanittant, l-Ordni kompliet tħoss il-ħtieġa li jkollha l-istamperija tagħha stess. F’dan il-perjodu wieħed jista’ jsib numru tajjeb ta’ xogħlijiet stampati f’Malta minn Paolo Bonacota bħal Con Licenza de’ Superiore. Barra minn hekk, wieħed jista’ jsib Delle Descrittione di Malta (1647) ta’ Gio Francesco Abela, Viċi Kanċillier tal-Ordni, meqjus bħala l-missier tal-istorjografija Maltija. L-aħħar xogħol stampat f’Malta matul dan il-perjodu kien fl-1656. L-arti tipografika kellha tieqaf ħesrem minħabba nuqqas ta’ qbil bejn l-Ordni, l-Isqof u l-Inkwiżitur dwar id-dritt ta’ ċensura. It-tilwima damet għaddejja għal perjodu twil u ġiet skambjata korrispondenza sostanzjali bejn l-Ordni u s-Santa Sede dwar il-kwistjoni.

Matul il-perjodu tal-kariga tal-Gran Mastru Emanuel Pinto de Fonseca (1741 – 1773), permezz tal-Ambaxxatur tiegħu għas-Santa Sede, Balì de Tencin, Pinto de Fonseca insista għal soluzzjoni definittiva li ntlaħqet fl-1746. Matul dik l-istess sena, intlaħaq ftehim biex l-Imprimatur ikun fih il-firem tal-Isqof, tal-Inkwiżitur u tal-Gran Mastru, li t-tlieta li huma kellhom jiffirmaw fuq l-istess linja. Konsegwentement, it-tilwima li kienet fixklet l-introduzzjoni u l-iżvilupp tal-istampar f’Malta għal aktar minn seklu, fl-aħħar ġiet megħluba.

Fl-1756, Don Nicolo Capaci wasal Malta u ġie kkummissjonat mill-Gran Mastru Pinto biex jistruttura l-Istamperija tal-Ordni. Capaci kellu l-pożizzjoni ta’ stampatur tal-Ordni sal-1772. L-istamperija kienet ġiet stabbilita fil-Palazz tal-Gran Mastru qrib il-bitħa fejn bħalissa tinsab l-istatwa ta’ Nettuno. Fil-5 ta’ Ġunju 1756, l-istamperija nfetħet għall-pubbliku li żar bil-ħerqa din l-innovazzjoni għal Malta.

L-ewwel xogħol stampat fl-istamperija tal-Ordni kien probabbilment sunett miktub minn Capaci nnifsu f’ġieħ il-Gran Mastru biex ifakkar l-inawgurazzjoni tal-istamperija. L-ewwel xogħol ikkummissjonat li jinvolvi ħlas kien stampat f’din l-istamperija f’Lulju 1756. Minn dik is-sena ’l quddiem, l-iStamperia di Sua Altezza Serenissima kompliet tikber u tiżviluppa. Fost dawk li ħadmu fl-istamperija kien hemm Rev. Giovanni Mallia li fl-1763 kellu r-rwol ta’ assistent stampatur. Mallia ssuċċeda lil Capaci fl-1772 u żamm dik il-kariga sal-aħħar tal-ħakma Franċiża tal-Gżejjer Maltin fl-1800. Hija dikjarazzjoni infondata li l-Ordni riedet tħalli lill-popolazzjoni Maltija fl-injoranza u li l-istamperija tal-Ordni stampat biss xogħlijiet ta’ tifħir għall-istess Ordni. Fil-fatt, l-istamperija tal-Ordni stampat xogħlijiet letterarji, programmi għal xogħlijiet tal-opra, innijiet, kotba tat-talb, każijiet legali, teżijiet filosofiċi u teoloġiċi. Barra minn hekk, huwa pertinenti li jissemmew xogħlijiet kbar bħal Biblioteca Maltese ta’ Ignazio Saverio Mifsud u Malta Illustrata miktub mill-Konti Gian Anton Ciantar.

Il-miġja tal-Franċiżi fl-1798 ġabet magħha l-pubblikazzjoni tal-ewwel gazzetta – Journal De Malte – li ġiet stampata f’żewġ kolonni: l-ewwel kolonna bil-Franċiż u t-tieni kolonna kienet traduzzjoni bit-Taljan. Ġew ippubblikati għaxar ħarġiet ta’ din il-gazzetta. L-istamperija ma baqgħetx tissejjaħ Stamperia di Sua Altezza Serenissima iżda ngħatat l-isem ġdid ta’ Imprimerie Nationale – u dan jimplika kunċett aktar nazzjonali. Matul il-ħakma Franċiża, l-istamperija ġiet trasferita għal fejn darba kien hemm dik li kienet il-Kanċellerija tal-Ordni.

It-tluq tal-Franċiżi ġie segwit mill-Ingliżi fil-bidu tas-seklu 19. Iċ-ċensura kienet prevalenti u l-unika stamperija fuq il-gżira kienet dik tal-Gvern. L-istamperija mxiet lura lejn il-Palazz u xi żmien wara mxiet għall-Berġa tal-Italja fi Triq il-Merkanti. Dan sar taħt it-tmexxija ta’ Vittorio Barzoni. Fost l-ewwel diretturi ta’ din l-istamperija matul il-ħakma Ingliża, kien hemm Henry Harper (1819) u Charles Harper (1826). Għal darb’oħra, fl-1813, matul iż-żmien tal-Gvernatur Thomas Maitland, l-istamperija reġgħet imxiet lura għall-Palazz.

Għall-ewwel darba fis-27 ta’ Ottubru 1813, ħarġet il-Gazzetta del Governo di Malta – din kienet il-Gazzetta uffiċjali tal-Gvern. Bejn l-1816 u l-1964 din dejjem kellha l-isem ta’ : Malta Government Gazette. Bil-kisba tal-Indipendenza fl-1964, din bidlet isimha għal : Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Dan it-titlu għadu jintuża sal-lum. Mill-bidu tagħha fl-1813 sal-1816, il-Gazzetta ġiet stampata biss bil-lingwa Taljana. Wara l-1816, il-Gazzetta tal-Gvern kienet tiġi stampata f’żewġ lingwi : it-Taljan u l-Ingliż. Mill-1935, il-Gazzetta tal-Gvern bdiet tiġi stampata bl-Ingliż (l-ewwel lingwa) u bil-Malti filwaqt li wara l-Indipendenza ta’ Malta mill-ħakma Ingliża, il-Gazzetta tal-Gvern bdiet tiġi stampata bil-Malti (l-ewwel lingwa) u bl-Ingliż.

Matul is-snin, ġew stampati diversi xogħlijiet fl-Istamperija tal-Gvern. Ta’ min isemmi b’mod partikolari : Florae Melitensis Thesaurus (Enumerazzjoni tal-pjanti ta’ Malta u Għawdex) miktub minn Dr Stefan Zerafa (1827), L’Ultimo Periodo della Storia di Malta sotto il Governo dell’Ordine Gerosolmitanio ta’ Kan. Fortunato Panzavecchia (1835) u Giornale della Presa di Malta e Gozo della Republica francese e della susseguente Rivoluzione della Campagna miktub mill-Baruni Vincenzo Azzopardi (1836).

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Istamperija tal-Gvern imxiet għall-Ħamrun, madankollu f’Mejju 1945, reġgħet lura għall-Palazz fil-Belt Valletta.

Fis-sebgħinijiet, ġie deċiż li l-Kamra tar-Rappreżentanti titmexxa għas-Sala tal-Armerija, filwaqt li l-Armerija mbagħad kellha titmexxa isfel fejn kien hemm l-Istamperija tal-Gvern. Dan fisser li kien hemm bżonn li jinstab post ġdid għall-Istamperija tal-Gvern u fl-1974 l-Istamperija tmexxiet għall-Kavallier ta’ San Ġakbu – post li ma kien adattat xejn.

Fi żminijiet aktar reċenti, ġew stampati pubblikazzjonijiet ġenerali u ċiviċi fl-Istamperija tal-Gvern. Fosthom hemm pubblikazzjonijiet uffiċjali bħal Stimi Ġenerali, Abbozzi Parlamentari u Liġijiet, pubblikazzjonijiet tal-Baġit Annwali, Poloz tal-Votazzjoni u Dokumenti tal-Votazzjoni użati fl-elezzjonijiet varji tal-pajjiż. Qed isiru wkoll għadd sostanzjali ta’ xogħlijiet għal diversi Dipartimenti tal-Gvern.
Fl-1839, daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Libertà tal-Istampa u ċ-ċensura tneħħiet. Wara l-promulgazzjoni ta’ din il-liġi, l-Istamperija tal-Gvern ma baqgħetx l-unika stamperija fil-pajjiż minħabba li twaqqfu numru ta’ stamperiji.

Fl-1986, l-Istamperija tal-Gvern kienet tifforma parti mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, madankollu fi Frar 1994, dan sar dipartiment awtonomu li bħalissa jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Peress li l-Kavallier ta’ San Ġakbu qatt ma kien adattat bħala post għal stamperija, f’Novembru 1995, l-Istamperija tal-Gvern imxiet fejn tinsab illum – fiż-Żona Industrijali tal-Marsa. L-istruttura u l-post huma adattati għad-domanda li dejjem qed tikber fl-industrija tal-istampar.