Ippjanar u Konsultazzjoni

Twaqqfet Unità għall-Assistenza lill-Klijenti li tiffunzjona bis-sħiħ għall-benefiċċju tal-klijenti attwali u prospettivi. Il-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern flimkien ma’ entitajiet oħra bbenefikaw minn din l-inizjattiva billi naqqsu drastikament il-ħtieġa għal kwotazzjonijiet, billi ħarġu tweġibiet aktar f’waqthom u billi saħħew l-Unità tal-Kontroll tal-Kreditu tal-Istamperija tal-Gvern.

L-Istamperija tal-Gvern saħħet ukoll il-pożizzjoni tagħha fid-Dipartiment tad-Disinn. Il-kunċett ta’ One-Stop-Shop ġie introdott u malajr sar popolari mal-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern. Dan il-kunċett huwa meta x-xogħlijiet jitwettqu mill-istadju tal-ippjanar, sal-istadju tad-disinn sal-istadju finali tal-istampar. Għadd kbir ta’ Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern qed jużaw dan is-servizz u b’hekk isiru aktar effiċjenti u kosteffettivi. Fil-fatt, l-Istamperija tal-Gvern ħadmet bla heda biex tadotta miżuri għas-Simplifikazzjoni u l-mitigazzjoni ta’ burokrazija bla bżonn.

Twaqqfet ukoll Taqsima Diġitali ġdida biex tissodisfa ż-żieda fid-domanda f’dan il-qasam partikolari. Din it-taqsima wriet li kienet ta’ suċċess kbir u issa qiegħda dejjem tissaħħaħ.